Messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela lill-komunitajiet Maltin barra minn Malta (2022-2023)

Prime Minister Robert Abela official photo

Għeżież Maltin li tgħixu f’artijiet viċin il-pajjiż li tant tħobbu u oħrajn f’artijiet iżjed mbiegħda. 

Din is-sena kienet waħda dinamika li ratna nirritornaw għan-normalità ta’ wara l-pandemija u kienet waħda mimlija avvenimenti u ġrajjiet.

L-2022 kienet ukoll sena impenjattiva għall-Gvern ta’ Malta.

Komplejna fuq il-programm ta’ riformi tagħna fejn fost l-oħrajn introduċejna emendi fil-liġi tal-IVF li biha qed jiġu introdotti servizzi ġodda b’xejn u bihom ngħinu iżjed koppji jsiru ġenituri f’pajjiżna.

Tajna wkoll drittijiet ġodda lill-ħaddiema u komplejna nżidu aktar spazji miftuħa għall-familji filwaqt li embarkajna bl-investiment ambizzjuż biex ikollna iżjed spazji ħodor fil-qalba tal-komunitajiet tagħna.

Il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tagħna jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika tagħna.

Quddiem sfidi globali, impenjajna ruħna bis-saħħa biex tajna anki stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil. 

Intervjenejna bħala Gvern biex nipproteġu lin-nies u se nkomplu nagħmlu dan anki s-sena d-dieħla.

Fuq il-front internazzjonali, mis-sena li ġejja, Malta se tkun qed tokkupa siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

Inħarsu ’l quddiem għal irwol importanti li fih nippromwovu l-paċi u s-sigurtà fuq livell internazzjonali.

Tul il-mandat tagħna fil-Kunsill tas-Sigurtà se nkunu wkoll qed nagħtu prijorità lit-tibdil fil-klima. 

Id f’id ma’ dan se nkunu qed naħdmu b’mod sod fuq l-istrateġija tagħna favur id-dekarbonizazzjoni tal-ekonomija tagħna biex nilħqu l-għan ta’ newtralità klimatika sal-2050.

Quddiem tbassir tal-Kummissjoni Ewropea li jgħid li l-ekonomija tagħna se tikber disa’ darbiet iżjed mill-medja Ewropea, aħna sodisfatti li ħidmietna qed tħalli l-frott iżda nibqgħu nemmnu li nistgħu nagħmlu iżjed biex il-ġid ikompli jasal għand kulħadd.

Dan kollu jagħtina l-opportunità li nħarsu lejn l-2023 b’mod pożittiv.

Sena oħra Malta se tilqa’ wkoll il-Logħob għall-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa.

It-tħejjijiet għaddejjin ġmielhom u nħarsu ’l quddiem biex Malta tilqa’ l-atleti u l-uffiċjali fi spirtu sportiv, ta’ ħbiberija u rispett.

Is-sena 2022 għallmitna kemm aħna reżiljenti bħala poplu u bħala pajjiż u din ir-reżiljenza hija ċ-ċavetta kif se nilqgħu għall-futur.

Aħna kapaċi ndawru l-isfidi f’opportunitajiet.

Aħna kburin li aħna Maltin u persważ li intom ukoll tħossu dan is-sens ta’ kburija, intom fejn intom.

Bħala Prim Ministru ta’ pajjiż li aħna lkoll inħobbu, jien kburi wkoll b’kull wieħed u waħda minnkom li qegħdin madwar id-dinja.

Tassew kburin bikom li qed tagħmlu anki isem għal pajjiżna.

Intom mhux biss parti mill-istorja tagħna iżda intom parti wkoll mill-preżent u l-futur tagħna.

Inħares ’il quddiem li tibqgħu żżommu kuntatt ma’ ħutkom Għawdxin u Maltin f’pajjiżna u tressqu ’l quddiem ħsibijietkom.

Flimkien ma’ marti Lydia u binti Giorgia Mae, nixtieq nawguralkom l-isbaħ xewqat għal Milied hieni u sena ġdida mimlija saħħa, ferħ u prosperità.

Posted in Posts - Official Messages.