Messaġġ ta’ awgurju għall-Milied u l-Ewwel tas-Sena lill-Maltin li jgħixu barra minn Malta mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, l-Onor. Ian Borġ (2022-2023)

Minister Ian Borg

Għeżież,

Dan huwa l-ewwel messaġġ tiegħi lilkom bħala Ministru responsabbli mill-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ.

Wasalna lejn tmiem ta’ sena oħra, sena li magħha ġabet sfidi kbar kemm għalina bħala Maltin kif ukoll għall-umanità kollha madwar id-dinja. L-isfidi kienu diversi, speċjalment bħala sfidi b’effett ta’ dak li qed jiġri madwarna. Iżda pajjizna, bħal oħrajn, kellu sfidi oħra fosthom bħall-irkupru mill-effetti tal-pandemija u sfidi biex inkomplu nsaħħu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ħalli jirriflettu iż-żminijiet li qed ngħixu fihom. Dan għamilnieh u se nkomplu nagħmluh għax dan huwa proċess li permezz tiegħu pajjizna jrid ikompli miexi ‘l quddiem.

Is-sena li ġejja hija waħda importanti għal Malta, minħabba s-sehem tagħna fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Malta se turi l-maturità li kisbet matul iż-żmien, mill-Ħelsien għall-Indipendenza u meta sseħibna fl-Unjoni Ewropea. Issa huwa ż-żmien li nuru kemm pajjiżna jista’ jkompli jikkontribwixxi għal ġid komuni internazzjonali, bħall-ħidma fuq l-isfida tat-tibdil fil-klima, kif ukoll għat-tisħiħ tal-istabbiltà u d-djalogu fost il-popli.

Iżda ma nistax ma nikkumentax fuq dak li għaddej viċin tagħna fl-Ukrajna. Qatt daqs illum ma stajna nifhmu u ngħożżu l-paċi. Qatt ma konna naħsbu li fuq il-kontintent Ewropew kien ser jerġa’ jkollna gwerra, li tista’ twassal għal konsegwenzi serji kemm fl-Ewropa kif ukoll fid-dinja.

Irridu nibqgħu ngħożżu l-paċi, billi nirrispettaw u nkunu ta’ sostenn għal xulxin, kemm bejnietna bħala Maltin kif ukoll ma’ popli oħra. Huwa għalhekk importanti li aħna flimkien magħkom, il-Maltin u Għawdxin imxerrdin madwar id-dinja ser inkomplu naħdmu favur il-paċi. Ma jistax ikun li fis-seklu li qed ngħixu fih, b’tant żvilupp kulturali, soċjali u teknoloġiku, xorta għad hawn min jagħzel il-gwerra minflok il-paċi.

Pajjizna għalhekk ser ikompli jgħin lill-poplu Ukren b’mod umanitarju bir-riżorsi li għandna. Ħadd m’għandu jibża’ jgħix f’daru, u bl-istess mod il-poplu Ukren irid ikun jista’ jgħix fil-paċi f’pajjiżu stess.

Malta għandha rwol importanti f’dak li qed jiġri madwarna. Aħna favur il-paċi, u rridu nkomplu naħdmu, biex minkejja r-riżorsi li għandna, inkomplu nagħtu sehemna fil-komunità internazzjonali favur il-ġustizzja soċjali, il-progress, l-ugwaljanza u l-paċi.

Huwa propju għalhekk li l-irwol ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Nazzjonijiet Maqgħuda mis-sena d-dieħla se jkun importanti. L-impenn tagħna f’dan ir-rigward jibqa’ wieħed ċar imsejjes fuq il-prinċipji tal-paċi u d-djalogu.

Għeżież, ma jistax jonqos li fil-messaġġ tiegħi ma nsemmix il-fatt li minn din il-leġiżlatura, il-kummerċ qiegħed jagħmel parti minn dan il-Ministeru. U għalhekk nixtieq insemmi l-ħidma ma taqtax li qed issir sabiex il-kummerċ inkomplu nimbuttawh ’il quddiem, inkomplu nimirħu barra minn xtutna u nagħmluh ħolqa oħra li tkompli tagħmel ġieħ lil isem pajjiżna u nkomplu niksbu aktar riżultati pożittivi lil pajjiżna u lin-negozji tagħna tant għal qalbna.

Kompliet ħidma li ma taqta’ qatt b’risq il-Maltin li jgħixu barra minn Malta li matul din is-sena ffukat fuq numru ta’ proġetti ta’ kwalità fosthom it-tnedija tal-formola volontarja għal persuni ta’ valur. Din hija mmirata biex il-Ministeru jkollu reġistru ta’ Maltin barra minn xtutna li bil-ħidma u l-esperjenza tagħhom jistgħu jagħtu kontribut siewi lil pajjiżna. Insemmi wkoll it-twaqqif tal-Kunsilli Reġjonali sabiex nilħqu aktar Maltin mill-qrib, kif ukoll nedejna l-apparat il-ġdid għall-Consul-on-the-Move li għandu jgħin biex dan is-servizz jingħata b’mod aktar effiċjenti.

F’Settembru laqqajna wkoll l-ewwel Forum Virtwali għaż-Żgħażagħ Maltin li jgħixu barra minn Malta fejn ġew diskussi temi magħżulin minnhom stess relatati mal-lingwa, il-kultura u l-identità Maltin. F’Ottubru kelli wkoll il-pjaċir li nilqa’ l-14-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill Għall-Maltin li Jgħixu Barra Minn Malta: l-ewwel laqgħa fiżika wara assenza ta’ sentejn minħabba l-pandemija. Din kienet l-ewwel opportunità tiegħi bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin biex niltaqa’ ma’ dan il-Kunsill li għandu l-funzjoni li jħares u jippromwovi d-drittijiet u l-interessi tal-Maltin li jkunu jgħixu barra minn Malta.

Din is-sena kienet ukoll sena impenjattiva f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħidma diplomatika, fejn filwaqt li komplejna nsaħħu l-preżenza tagħna diplomatika u konsulari f’pajjiżi strateġikament importanti bħall-Amerika t’Isfel, l-Afrika u l-Lvant Nofsani, ħdimna wkoll fuq strateġija li tqarribna aktar lejn pajjiżi b’potenzjal ta’ kooperazzjoni politika, kummerċjali u kulturali, kif ukoll żammejna mal-miri tagħna maqbula fuq livell Ewropew u internazzjonali biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima b’mod effettiv.

Malta nemmnu fil-prinċipji tal-paċi, il-ġustizzja soċjali, u l-ugwaljanza, u għalhekk irrid nkomplu naħdmu ħalli dawn il-prinċipji li nemmnu fihom ikomplu jkunu l-qafas tal-ħidma tagħna biex ikollna dinja aħjar kemm għalina kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Dan huwa l-mument li Malta tkompli tikkontribwixxi għall-ġid tal-umanità kollha.

Nagħlaq billi nieħu din l-opportunità biex nawgura lilkom u lill-familji tagħkom Milied hieni u sena ġdida mimlija saħħa, paċi u prosperita’.

Vidjo
Posted in Posts - Official Messages.