Messaġġ irrekordjat ta’ xewqat għall-Milied u għas-Sena l-Ġdida mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella għall-Maltin li jgħixu barra (2022-2023)

Official Portrait President of Malta

Għeżież Maltin u Għawdxin li tgħixu barra minn xtutna, insellmilkom, 

Nilqa’ bi pjaċir kbir din l-okkażjoni ta’ kull sena biex inwasslilkom l-isbaħ xewqat f’dawn il-ġranet tal-Milied, kif ukoll biex nirriflettu ftit fuq is-sinifikat u l-valur tagħhom.

Nemmen bis-sħiħ li minkejja d-distanza ġeografika li tbegħedkom minn Malta u Għawdex, xorta għadkom tħossukom qrib ħafna tat-tradizzjonijiet li jagħmluna uniċi bħala Poplu, u dan jgħodd bla dubju għaċ-ċelebrazzjoni tal-Milied.

Min jaf kemm minnkom f’artijiet ’il bogħod minn tagħna, armajtu xi presepju jew Bambin fil-kenn ta’ darkom, kif kienu jagħmlu missirijietna tul is-snin, u qegħdin tħejju għall-ikla tradizzjonali tal-Milied mal-għeżież tagħkom.

Għandi nifhem ukoll li f’dan iż-żmien tas-sena – għaqdiet, klabbs u każini Maltin barra minn xtutna jiltaqgħu – anki minkejja distanzi twal – għal xi festini tipiċi tal-Milied li jlaqqgħu numri kbar ta’ membri tagħhom.

Sabiħa din l-għożża tat-tradizzjoni u sens ta’ appartenenza.

Insegwi bi pjaċir dawn l-avvenimenti u l-inizjattivi permezz tal-ittri u l-pubblikazzjonijiet li tibagħtuli, kif assoċjazzjonijiet u għaqdiet oħra mxerrda mad-dinja kollha baqgħu jwasslu din it-tip ta’ rabta lill-membri anzjani, kif ukoll liż-żgħażagħ u t-tfal.

Nixtieq nieħu din l-opportunità biex inrodd ħajr lil dawn il-ħafna għaqdiet għall-ħidma importanti ħafna li jagħmlu magħkom il-Maltin ta’ Barra.

Kulħadd għandu x’igawdi minn din il-ħidma, li taf tkun ta’ wens lill-anzjani li ħallew lil Malta snin ilu, lil min forsi għadu tfal u jrid jitgħallem il-Malti, dawk li ma jixtiqux jitilfu l-wirt kulturali ta’ missirijiethom, oħrajn li jieħdu gost b’xi festa tradizzjonali reliġjuża u forsi wkoll dawk li jridu jitgħallmu jsajru ikel tipiku Malti.

Illum il-ġurnata hawn ħafna mezzi u strutturi, kemm reali kif ukoll virtwali, li bihom tiġi mħarsa l-identità Maltija, anki f’pajjiżi oħra li huma mbegħdin sew.

Insemmi kif, pereżempju, din is-sena kelli s-sodisfazzjon li niltaqa’ fil-Palazz ta’ Sant’Anton mal-membri tal-Kunsill għall-Maltin ta’ Barra biex nisma’ mingħandhom direttament dak li qed isir biex jibqgħu jitħarsu l-interessi tal-komunità Maltija fid-dinja. Ħadt pjaċir ferm nara s-serjetà li biha qed jiġu indirizzati suġġetti u temi bħalma huma l-ilsien Malti, il-proċeduri marbuta mal-kisba taċ-ċittadinanza, il-promozzjoni tal-arti u l-kultura u bosta oħrajn.

Intenni l-apprezzament tiegħi għar-rwol u l-funzjoni li qed jaqdi dan il-Kunsill.

Nixtieq infaħħar ukoll l-inizjattiva għall-Ewwel Forum Virtwali li ħa l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin indirizzata lejn iż-żgħażagħ tad-dijaspora Maltija.

Kien ta’ pjaċir għalija nwassal il-messaġġ tiegħi għaliex nemmen li dawn għandhom sehem kbir x’jagħtu għall-preżent u l-ġejjieni tal-Komunità ta’ Maltin li Jgħixu Barra, kif ukoll għar-realtajiet u l-isfidi li jolqtu lil Malta u Għawdex stess.

Ewlenin fost dawn hemm l-‘Għaqda’ – kunċett għal qalbi ħafna u li żgur li drajtuni nsemmi fid-diskorsi u l-appelli tiegħi.

Mhux iż-żgħażagħ biss għandhom sehem x’jagħtu f’dan ir-rigward iżda intom ilkoll, tinsabu fejn tinsabu. Bħala parti mill-familja Maltija mifruxa madwar id-dinja, intom tistgħu tkunu leħen għall-inklużjoni, is-solidarjetà, it-tkabbir u l-ġid ekonomiku għal kull sezzjoni tas-soċjetà tagħna, għall-bilanċ bejn it-tiġdid u l-ambjent naturali ta’ madwarna, għall-innovazzjoni u taħriġ bla limitu, għal-lezzjonijiet fit-tolleranza ta’ kull reliġjon, etniċità jew orjentazzjoni sesswali.

Ikoll nistgħu nitgħallmu mill-esperjenzi kostruttivi li għaddejjin minnhom intom fil-pajjiżi addottivi tagħkom. 

Inħeġġiġkom ma tibqgħux lura milli taqsmu l-ħsibijiet u l-ideat tagħkom, kif diġà tagħmlu bosta minnkom, kemm billi żżommu kuntatt mal-Uffiċċju tiegħi u anki permezz tal-ittri sbieħ ta’ inkoraġġiment, entużjażmu u kultant anki xi doża żgħira ta’ nostalġija li tibagħtu lili direttament.

Nagħlaq dawn il-kelmtejn billi, f’ismi u f’isem marti Miriam, inwassal lilkom u lill-għeżież tagħkom, kemm dawk viċin tagħkom, kif ukoll dawk f’Malta u f’Għawdex, l-isbaħ xewqat għal Milied Hieni u Sena Ġdida mimlija hena u sliem.

Insellmilkom.

Vidjo
Posted in Posts - Official Messages.