Messaġġ tal-aħħar tas-sena lill-Maltin li jgħixu barra minn Malta mill-Prim Ministru tar-Repubblika ta’ Malta l-Onor. Dr Robert Abela (2021-2022)

Prime Minister Robert Abela official photo

Għeżież ċittadini Maltin u Għawdxin,

Għalkemm tgħixu ’l bogħod mill-gżejjer Maltin, ninsab ċert li żżommu Malta f’qalbkom kull fejn tkunu u kull fejn tmorru. 

Sfortunatament din hija t-tieni sena konsekuttiva li qed niċċelebraw il-festi fl-isfond ta’ restrizzjonijiet minħabba l-pandemija tal-COVID-19. 

Filwaqt li l-ġlieda tagħna kontra l-pandemija tkompli, irnexxielna nżommu s-sitwazzjoni taħt kontroll permezz ta’ programm ta’ vaċċinazzjoni effettiv.

Iżda n-numru ta’ infezzjonijiet madwar id-dinja qed jerġa’ jiżdied. Irridu nibqgħu attenti u nieħdu l-prekawzjonijiet kollha. 

Għalhekk l-appell tiegħi lil dawk kollha li għadhom ma ħadux il-vaċċin, jew lil dawk li waslu biex jieħdu l-booster huwa biex titlaqqmu mill-aktar fis.

Għax huwa permezz tal-vaċċinazzjoni li nistgħu nipproteġu s-soċjetà tagħna mill-pandemija.

Malta għandha l-ogħla numru ta’ persuni mlaqqma mill-pajjiżi kollha Ewropej, u ninsab sodisfatt li salvajna ħafna ħajjiet propju minħabba l-programm ta’ vaċċinazzjoni li implimentajna.

Huwa permezz ta’ dan l-istess programm li stajna nibdew ngħixu eqreb għan-normalità. 

U fi spirtu ta’ solidarjetà f’dawn iż-żminijiet diffiċli, għamilna donazzjoni ta’ test kits u dożi ta’ tilqim lill-pajjiżi ġirien tagħna t-Tuneżija u l-Libja, lill-Irwanda, il-Ghana u l-Iran.

Ninsab kuntent li l-isforzi tagħna ġew rikonoxxuti mill-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa, u li pajjiżna huwa l-ogħla donatur tal-vaċċinazzjonijiet per capita tal-Unjoni Ewropea.

Malta se tkompli taħdem fil-ġlieda globali kontra l-pandemija tal-COVID-19, billi nagħtu l-appoġġ tagħna fejn ikun hemm il-bżonn, b’sens ta’ solidarjetà u anke multi-lateraliżmu. 

B’dan il-mod, inkunu qed nagħmlu ħilitna biex nevitaw id-differenzi bejn il-pajjiżi madwar id-dinja.

Minħabba l-pandemija, l-inter-dipendenza bejn il-pajjiżi ssaħħet aktar filwaqt li d-distanzi fiżiċi ma baqgħux daqstant qawwija. U hawnhekk naraw l-importanza u r-rilevanza tal-multi-lateraliżmu.

Meta nħares lura lejn is-sena li għaddiet, nikkonferma kemm l-2021 kienet sena impenjattiva għall-aħħar.

Il-Gvern ħadem fuq numru ta’ proġetti u inizjattivi bħala parti mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ pajjiżna.

Malta wkoll kompliet tagħti s-sehem tagħha fl-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, hekk kif inkomplu l-isforzi tagħna għal soċjetà aktar ġusta u ekwa. Ninsab kburi li għandna rekord eċċellenti f’dan ir-rigward.

Barra minn hekk, il-gvern għandu l-viżjoni biex Malta jkollha futur ħieles mill-karbonju, biex nillimitaw l-impatt tat-tibdil fil-klima u nwaqqfu milli ssir ħsara irreparabbli.

Din il-mira hija wkoll waħda mill-ħames pilastri tal-Viżjoni Ekonomika għal Malta, flimkien mat-tkabbir ekonomiku sostenibbli; standards għoljin ta’ kontabilità u governanza tajba; edukazzjoni; u infrastruttura u investiment ta’ kwalità għolja.

Malta qed tħares ’il quddiem lejn ġejjieni aħjar – u rrid li lkoll kemm intom tkunu parti mill-futur ta’ pajjiżna.

Intom tistgħu tkunu parti mir-riformi li qed nimplimentaw. Id-distanza fiżika m’għandhiex għalfejn twaqqafna milli nieħdu inizjattivi flimkien.

Nistedinkom biex iżżommu kuntatt ma’ art twelidkom, mhux biss fi żmien il-festi imma tul is-sena kollha. Ejja ngħożżu t-tradizzjonijiet, il-kultura u l-identità tagħna, billi nkomplu nrawmuhom u ngħadduhom lil uliedna.

Nixtieq ukoll nirringrazzja lil dawk il-Maltin li qed jaħdmu bħala missjurnarji madwar id-dinja, li xogħolhom huwa li jtejbu ħajjet dawk li huma mċaħħda mill-affarijiet l-aktar bażiċi u essenzjali. Id-dedikazzjoni tagħhom għandha sservi ta’ ispirazzjoni għalina lkoll. 

Flimkien ma’ marti Lydia, nixtieq nawguralkom l-isbaħ xewqat għal Milied hieni, u sena mimlija saħħa, ferħ, u prosperità.

Saħħa!

Vidjo
Posted in Posts - Official Messages.