Messaġġ tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena mill-Onor. Evarist Bartolo, Ministru għall-Affarijiet Barrani u Ewropej (2021-2022)

Hon. Evarist Bartolo

Inġibu l-Maltin u l-Għawdxin flimkien

Aħna pajjiż ċkejken fid-daqs imma għandna familja kbira mxerrda mad-dinja kollha. Pjaċir tiegħi ngħid kelma magħkom illum u nixtiqilkom is-sena t-tajba waqt li nafu li xorta se nibqgħu niffaċċjaw il-pandemija Covid-19 li qalbitilna ħajjitna ta’ taħt fuq.

Ħudu ħsieb ħarsu saħħitkom u dawk tal-għeżież tagħkom u ta’ madwarkom.

Il-Maltin u l-Għawdxin ilhom sekli jemigraw lejn pajjiżi oħra. Għall-ewwel in-nies fittxew ħajja aħjar fil-pajjiżi ġirien tal-Mediterran minħabba l-qgħad u l-faqar li kellna.

Imbagħad fl-aħħar mitejn sena bdew jemigraw lejn il-pajjiżi iżjed ‘il bogħod bħall-Arġentina, l-Istati Uniti u l-Awstralja.

Illum għandna Maltin u Għawdxin f’xi 194 pajjiż, kważi f’kull pajjiż tad-dinja.

Bħal eluf oħra ta’ Maltin u Għawdxin għandi qraba f’mill-inqas tliet pajjiżi differenti f’kull naħa tal-pjaneta.

Għandna xi 120,000 Maltin u Għawdxin tal-ewwel ġenerazzjoni jgħixu f’pajjiżi oħra. Magħhom hemm 300,000 oħra tat-tieni u tat-tielet ġenerazzjoni. Jiġifieri għandna 420,000 Maltin u Għawdxin f’pajjiżi oħra, daqskemm għandna fil-gżejjer tagħna.

Rapport tal-Bank Dinji ta’ sentejn ilu jgħid li anki llum għandna kwart tal-Maltin jgħixu f’pajjiżi oħra, il-pajjiż fl-Unjoni Ewropea bl-akbar numru ta’ emigrant f’pajjiżi oħra. Id-destinazzjonijiet illum inbidlu għax għandna komunitajiet fi Brussell u l-Lussemburgu minħabba d-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea.

Xorta nħoss li f’pajjiżna għadna ma nafux biżżejjed dwar ir-realta` u l-istorja tal-emigranti tagħna tul is-sekli. Xorta nħoss li l-ħajja tal-emigranti tagħna nqisuha apparti u mhux parti mill-istorja u r-realtà tagħna fil-gżejjer tagħna.

Hemm bżonn li nsiru nafu iżjed l-istorja u l-ħajja tal-emigranti tagħna, tal-Maltin u l-Għawdxin fid-dinja u naraw kif nersqu iżjed lejn xulxin u nqisuna familja waħda f’dinja waħda. 

It-teknoloġija tal-lum tippermettilna iżjed li nsaħħu r-rabtiet tagħna bħala komunita` tgħix f’kontinenti differenti. Għandna naħdmu biex nersqu iżjed lejn xulxin. Nixtiqilkom sena ġdida ta’ riżq u saħħa.

Evarist Bartolo

Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej

Vidjo
Posted in Posts - Official Messages.