Messaġġ irrekordjat ta’ xewqat għall-Milied u għas-Sena l-Ġdida 2022 mill-ET George Vella, President ta’ Malta għall-Maltin li jgħixu barra (2021-2022)

Official Portrait President of Malta

Għeżież Maltin u Għawdxin,

Minkejja d-distanza fiżika u ż-żmien li firidkom minn dawn il-gżejjer, intom tibqgħu viċin tagħna kemm fil-ħsieb u kemm f’qalbna.

Għalhekk, bi pjaċir nieħu l-opportunità naqsam dawn il-kelmtejn qosra magħkom u nawgura lilkom u lil qrabatkom xewqat sbieħ f’dan iż-żmien hekk speċjali tas-sena.

Forsi kienu ftit dawk li bassru li s-sitwazzjoni fl-2021 ser tkun qed tixbah ħafna lil dik tal-2020. Nistqarr magħkom, li bħal ħafna, nixtieq li nsibu soluzzjoni f’qasir żmien imma dejjiema biex negħlbu l-effetti ħżiena tal-pandemija. Iżda jidher li dan il-virus ser jibqa’ joħloq sfidi li kull ma jmur ikomplu jinbidlu u li ser jieħdu fit-tul.

Nappella għalhekk biex aktar nies jisimgħu minn dak li qed tgħidilna x-xjenza u jsegwu b’aktar attenzjoni il-pariri tal-professjonisti, fosthom mezzi ta’ prekawzjoni, bħal ma huwa t-teħid tat-tilqim.

Nemmen li l-koperazzjoni internazzjonali, speċjalment bejn pajjiżi sinjuri u dawk anqas sinjuri, hija kruċjali biex bħala familja waħda nkomplu nimxu ’l quddiem. Minkejja d-distanzi ġeografiċi bejnietna, aħna lkoll nibqgħu kommessi nilħqu l-miri tas-Sostennibiltà 2030, u niżguraw li ma nħallu ’l ħadd barra, jew kif inhu magħruf il-motto bl-Ingliż, Leave no one behind.

Mingħajr ma’ nnaqqas mill-emerġenza medika li ħolqot din il-pandemija, nħares lejn sena l-ġdida b’ottimiżmu u nawgura li nsibu bilanċ aħjar bejn l-isfidi tas-saħħa u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Ma nistax ma nsemmix lil dawk il-ħaddiema kollha li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u nsellmilhom għad-determinazzjoni u r-reżiljenza tagħhom biex tul dawn l-aħħar xhur, komplew ikunu eroj għalina lkoll.

Sinjuri,

Hekk kif din is-sena waslet fil-għabex tagħha, ninsab fiduċjuż li l-ġrajjiet li komplew isawru lil gżiritna ma nistgħux inħarsu lejhom minn lenti iżolata, iżda f’kuntest reġjonali u internazzjonali. 

L-effetti tat-tibdil fil-klima, l-emerġenza umanitarja li qed tieħu xejra serja f’ċertu partijiet tad-dinja, u l-livelli ta’ inugwaljanza bejn il-pajjiżi fit-tramuntana u dawk fin-nofsinhar, qed ikomplu jkattru sistema inġusta u ta’ ħsara għad-dinja tagħna.

Il-bejgħ u t-traffikar tal-armi, speċjalment f’żoni ta’ gwerra u pajjiżi jissieltu mal-forzi tal-estremiżmu, ikomplu jxekklu l-isforzi kollettivi tagħna favur il-paċi u l-għaqda. Nappella biex aktar pajjiżi jagħrfu l-ħsara li ġġib magħha politika militarizzanti u jiżguraw li l-liġi internazzjonali tkun għodda favur id-drittijiet fundamentali u mhux arma ta’ sterminju.

Nilqa’ bi pjaċir id-diskussjonijiet COP26 fuq l-emerġenza tal-klima li saru ftit tal-ġimgħat ilu ġewwa Glasgow. Permezz tad-djalogu u r-rispett reċiproku, dawn id-diskussjonijiet jixhdu familja internazzjonali li għalkemm tħaddan bosta diverġenzi politiċi, lesta taħdem flimkien biex tinstab soluzzjoni. 

Hija din l-għaqda msawra fuq id-djalogu li twitti t-triq għal bidla pożittiva u fit-tul. 

Permezz tal-Uffiċju tiegħi, jien ukoll ħdimt bis-sħiħ biex insaħħaħ id-djalogu bejn partijiet differenti fis-soċjetà Maltija. Minkejja r-restrizzjonijiet, bi pjaċir ngħid li matul l-2021, ippresedejt fuq bosta konferenzi li jindirizzaw l-għaqda nazzjonali minn angoli differenti. Il-Konferenza dwar l-Għaqda Nazzjonali mtellgħa fi Frar, il-Konferenza f’Għeluq il-Mitt Sena mill-Kostituzzjoni f’April, u l-Konferenza Dwar l-iStat tan-Nazzjon f’Ġunju, kienu inizjattivi importanti u li ġabu flimkien bosta organizazzjonijiet, esperti u ħassieba differenti.

Bi pjaċir naqsam magħkom li bħalissa għaddejjin il-preparamenti biex f’Marzu 2022, flimkien mal-Albabtain Cultural Foundation, ser inkun qed norganizza t-tieni Forum Dinji għal Kultura ta’ Paċi. Permezz ta’ parteċipazzjoni internazzjonali, dan il-forum ser ikun qed iservi ta’ pjattaforma importanti ta’ diskussjoni u katalist globali biex tkompli tinbena kultura ta’ paċi.

Nistedinkom biex anke intom tkunu parti mid-diskussjoni lokali u permezz ta’ opportunitajiet varji tersqu qrib il-ġrajjiet kurrenti tal-gżejjer Maltin u tkebbsu fil-ġenerazzjonijiet iż-żgħar interess u mħabba għall-kultura u l-lingwa Maltija.

Din tal-aħħar qiegħda għal qalbi ferm għax hija l-aktar espressjoni ħajja tal-ġens tagħna u li kompliet taqdina bl-aħjar mod, minkejja influwenzi minn barra u teknoloġija ġdida. Huma ftit dawk il-popli li jistgħu jiftaħru b’ilsien uniku li kompla jevolvi matul is-snin.

Nifhem li kienu bosta dawk li soffrew mhux ftit minħabba n-nuqqas ta’ safar lejn Malta u t-tgħanniq u l-ferħ li ġġib magħha laqgħa bejn il-familjari. Għalkemm it-teknoloġija taffiet xi ftit il-firda, l-istampa fuq il-mobile jew il-kompjuter, ma jista’ qatt ikun l-istess bħall-kuntatt uman.

Nawgura li matul ix-xhur li ġejjin l-ivjaġġar bejn il-pajjiżi jkompli jkun permess u tkunu tistgħu żżuru pajjiżna bla xkiel. Anke jien, nittama li nkun nista’ nerġa’ nibda biż-żjarat tiegħi lill-komunitajiet ta’ Maltin li Jgħixu Barra. Ftit tal-ġimgħat ilu, kelli l-pjaċir nżur il-pazjenti Maltin li jinsabu rikoverati Londra u ħadt l-opportunità biex niltaqa’ wkoll ma’ għadd ta’ sorijiet u patrijiet li jaħdmu fosthom. Dawn huma laqgħat li jmissu l-qalb, iżda huma wkoll laqgħat li jnisslu t-tama u l-kuraġġ għal ġejjieni aħjar. Bħal ma kienet il-laqgħa li kelli ma’ numru sabiħ ta’ konsulenti Maltin fil-Kirurġija u l-Mediċina, li jokkupaw pożizzjonijiet għolja fl-aqwa sptarijiet fir-Renju Unit.

Nagħlaq dawn il-kelmtejn qosra billi mill-ġdid nawgura lilkom u lill-għeżież tagħkom, xewqat sbieħ għal Milied Hieni.

Fuq kollox, ir-risq u s-saħħa għal sena mimlija hena, paċi u mħabba.

Insellmilkom

Vidjo
Posted in Posts - Official Messages.