Messaġġ mill-Prim Ministru, Dr Robert Abela lill-kummunitajiet Maltin li jgħixu lil hinn minn xtutna – Diċembru 2025

Għeżież ċittadini Maltin, kemm dawk fl-Ewropa kif ukoll f’kontinenti iżjed imbegħda,

Hekk kif ninġabru biex niċċelebraw il-ferħ ta’ dawn iż-żminijiet tal-Milied, nixtieq nestendi l-awguri mill-qalb lilkom, kemm bħala individwi kif ukoll bħala komunitajiet Maltin li tgħixu barra minn xtutna. Dan iż-żmien tas-sena jirrappreżenta l-għaqda u dak li jsawwar l-identità tagħna. Minkejja d-distanzi fiżiċi ta’ bejnietna, l-ispirtu tal-Milied iressaqna lejn xulxin għax ifakkarna fir-rabtiet profondi li jorbtuna flimkien bħala familja waħda Maltija mxerrda mad-dinja kollha.

Inħarsu lejn din is-sena bħala waħda li biha komplejna nimbuttaw riformi u nsaħħu l-qagħda ta’ pajjiżna għall-ġid tal-poplu tagħna. Konna fuq quddiem nadvokaw għall-paċi fid-diversi rwoli li kellna mal-komunità internazzjonali, mhux biss fil-Presidenza li kellna għal sitt xhur tal-Kunsill tal-Ewropa iżda fil-laqgħa li kellna anki lil hinn min xtutna, imbuttajna kemm flaħna favur it-triq tad-djalogu biex partikularment fir-reġjun tagħna tal-Mediterran, iżda anki lil hinn, issaltan tassew il-paċi, dik li hi ċ-ċavetta għall-prosperità tal-umanità.

Il-ħidma tagħna se tibqa’ ffukata dwar il-paċi globali u persważ li l-vuċi ta’ Malta se tkompli tiġi mismugħa fuq kwistjonijiet kruċjali, mill-promozzjoni għall-paċi u l-medjazzjoni sat-tisħiħ tar-rabtiet diplomatiċi madwar il-kontinenti. L-identità ta’ Malta hija mibnija fuq valuri ta’ reżiljenza, rispett, u kompassjoni, valuri li jibqgħu jeżistu kull fejn il-poplu tagħna iqis bħala daru.

Kburin li aħna Maltin u dan il-fatt jestendi lil hinn minn xtutna. Inħossni tassew kburi b’kull ċittadin li jonora u jħaddan it-tradizzjonijiet tagħna lil hinn minn pajjiżna. F’kull rokna tad-dinja, mill-Awstralja sal-Kanada, mill-Istati Uniti sar-Renju Unit, il-komunitajiet Maltin qed jgħaddu it-tradizzjonijiet Maltin tagħhom billi jippreservaw l-ilsien Malti u billi jżommu d-drawwiet ta’ art twelidhom ħajjin.

Lill-komunitajiet Maltin kollha barra minn Malta, aħna grati għall-isforzi tagħkom biex l-identità Maltija tibqa’ ħajja u tiffjorixxi. Permezz ta’ organizzazzjonijiet komunitarji, assoċjazzjonijiet kulturali, u inizjattivi bħall-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra, qegħdin iżżommu l-ispirtu Malti ħaj u dinamiku, u qed isservu bħala rabta bejn il-ġenerazzjonijiet u saħansitra l-pajjiżi. Id-dedikazzjoni tagħkom lejn il-kultura u l-valuri ta’ din il-gżira ssaħħaħ lid-dijaspora tagħna u tafferma

mill-ġdid ir-rabtiet dejjiema tal-identità Maltija.

Il-Milied huwa żmien biex nirriflettu fuq dawn ir-rabtiet, biex niltaqgħu mal-familja u mal-ħbieb, u biex niċċelebraw il-valuri kruċjali li jiddefinixxu l-komunità tagħna: l-imħabba u r-rispett. Huwa wkoll żmien li jfakkarna biex naħsbu u ngħinu lil dawk inqas ixxurtjati minna u li nżommu dan l-ispirtu ta’ ġenerożità u mogħdrija matul is-sena kollha.

Hekk kif qed niċċelebraw dan iż-żmien ta’ festi, nemmen li l-għaqda ta’ bejnietna tkompli ssaħħaħ il-familja Maltija globali tagħna.

Flimkien ma’ marti Lydia u binti Giorgia-Mae, nawguralkom ilkoll l-isbaħ xewqat għal Milied hieni u sena ġdida mimlija riżq, saħħa u paċi.

Posted in Posts - Official Messages.