Messaġġ mill-Prim Ministru Robert Abela lill-komunitajiet Maltin barra minn Malta – Diċembru 2024

Għeżież ċittadini Maltin, fil-qrib u f’artijiet iżjed imbegħda,

Hekk kif ninġabru biex niċċelebraw il-ferħ tal-Milied, nixtieq nestendi l-awguri mill-qalb lilkom, kemm bħala individwi kif ukoll bħala komunitajiet Maltin li tgħixu barra minn Malta. Dan iż-żmien tas-sena jirrappreżenta l-għaqda u l-patrimonju tagħna. Minkejja d-distanzi fiżiċi ta’ bejnietna, l-ispirtu tal-Milied iressaqna aktar viċin, u jfakkarna fir-rabtiet profondi li jorbtuna flimkien bħala familja waħda Maltija mxerrda mad-dinja kollha.

Fl-2024, għelibna ħafna sfidi, u dan dejjem għamilnieh b’kuraġġ u b’direzzjoni. Bħala pajjiż, komplejna l-ħidma tagħna favur il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan filwaqt li bqajna nħaddnu l-valuri għal kollox uniċi ta’ pajjiżna. Fix-xena dinjija, postna kompla jikber u jissaħħaħ, kif jixhed s-sehem tagħna riċentement fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

Għalkemm dawn l-irwoli issa qegħdin jintemmu b’suċċess, il-ħidma tagħna se tkompli fejn jirrigwarda inizjattivi ta’ paċi globali, il-vuċi ta’ Malta se tkompli tiġi mismugħa fuq kwistjonijiet kruċjali, mill-promozzjoni għall-paċi u l-medjazzjoni sat-tisħiħ tar-rabtiet diplomatiċi madwar il-kontinenti. Dan nagħmluh ukoll hekk kif f’Mejju li ġej se nassumu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa.

L-identità ta’ Malta hija mibnija fuq valuri ta’ reżiljenza, rispett, u kompassjoni, valuri li jibqgħu jeżistu kull fejn il-poplu tagħna iqis bħala daru. Il-kburija li nħossu bħala Maltin testendi lil hinn minn xtutna, u tassew kburin b’kull ċittadin li jonora u jħaddan it-tradizzjonijiet tagħna barra minn xtutna. F’kull rokna tad-dinja, mill-Awstralja sal-Kanada, mill-Istati Uniti sar-Renju Unit, il-komunitajiet Maltin qed jgħaddu l-mod ta’ għajxien Malti lid-dixxendenti tagħhom, qed jippreservaw il-lingwa materna, u qed iżommu d-drawwiet ta’ art twelidhom ħajjin.

Lill-komunitajiet Maltin kollha barra minn Malta, aħna grati għall-isforzi tagħkom biex l-identità Maltija tibqa’ ħajja u tiffjorixxi. Permezz ta’ organizzazzjonijiet komunitarji, assoċjazzjonijiet kulturali, u inizjattivi bħall-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra, qegħdin iżżommu l-ispirtu Malti ħaj u dinamiku, u qed isservu bħala rabta tal-ġenerazzjonijiet u saħansitra l-pajjiżi. Id-dedikazzjoni tagħkom lejn il-kultura u l-valuri ta’ din il-gżira ssaħħaħ lid-dijaspora tagħna u tafferma mill-ġdid ir-rabtiet dejjiema tal-identità Maltija.

Il-Milied huwa żmien biex nirriflettu fuq dawn il-konnessjonijiet, biex niltaqgħu mal-familja u mal-ħbieb, u biex niċċelebraw il-valuri kruċjali li jiddefinixxu l-komunità tagħna, l-imħabba, il-gratitudni, u l-kompassjoni tagħna. Huwa wkoll żmien li jfakkarna nagħtu daqqa t’id lil dawk fil-bżonn u li nżommu l-ispirtu ta’ ġenerożità u mogħdrija matul is-sena kollha.

Hekk kif niċċelebraw il-festi tal-Milied, nemmen li l-għaqda tagħna tkompli ssaħħaħ il-familja Maltija globali tagħna. Flimkien ma’ marti Lydia u binti Giorgia-Mae, nawguralkom ilkoll l-isbaħ xewqat għal Milied hieni u sena ġdida mimlija saħħa, paċi, u prosperità.

Grazzi.

Posted in Posts - Official Messages.