Il-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra ltaqa’ għal-Laqgħa Annwali fit-30 u l-31 ta’ Ottubru 2024 f’Palazzo Spinola, San Ġiljan. Kompost minn 15-il membru, inkluż rappreżentanti mill-Awstralja, l-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, u r-Renju Unit, il-Kunsill iltaqa’ Malta sabiex jiddiskuti l-ħidma tiegħu, jindirizza kwistjonijiet affaċċjati minn komunitajiet Maltin barra l-pajjiż, jaqsam ideat u proposti, u jfassal pjan strateġiku għall-futur tal-Kunsill. Il-laqgħa, ippreseduta mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, inkludiet ukoll diskussjoni mal-President Myriam Spiteri Debono dwar l-isfidi li tħabbat wiċċha magħhom id-dijaspora Maltija. Fost suġġetti ewlenin kien hemm il-lingwa Maltija, iċ-ċittadinanza, il-kunsilli reġjonali, kif ukoll numru ta’ preżentazzjonijiet dwar kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet oħra.



