Message from the Prime Minister of Malta Dr. Robert Abela to Maltese Living Abroad (2020-2021)

Prime Minister Robert Abela official photo

Qed nibgħat dan il-messaġġ għall-ewwel darba f’bħala Prim Ministru tal-Maltin u Għawdxin. Ninsabu kemm ninsabu ’l bogħod minn xulxin, nibqa’ dejjem imsaħħar bil-valuri sbieħ li jgħaqqduna u li sawru l-identita’ tagħna bħala Maltin matul il-milja tas-snin. Dawn il-valuri ta’ poplu bieżel u reżiljenti ħarġu fid-deher matul is-sena li waslet biex tintemm. Sena li matulha d-dinja kollha, inkluż pajjiżna għex żmien ta’ sfida kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19. L-imxija ħarbtitilna l-ħajja tagħna ta’ kuljum u l-istil ta’ ħajjitna kien jinħtieġ li jinbidel radikalment.

Nistqarr li ma kinetx faċli. Ftit ġimgħat wara li assumejt l-irwol ta’ Prim Ministru, pajjiżna kellu jaffronta din l-isfida bla preċedent. 

Iżda meta nħares lura nħossni kburi bil-ħidma li rnexxielna nagħmlu bħala pajjiż magħqud u flimkien. Għalkemm ma kellna l-ebda manwal li jiggwidana, xorta bħala pajjiż, irnexxielna nibqgħu għaddejjin. Għamilna dan għax imxejna b’għaqal u għax għandna sistema ta’ saħħa b’saħħitha, bi professjonisti u bi frontliners f’diversi oqsma li ħadmu fuq li ħadmu biex taw dak kollu li jistgħu għal pajjiżna. Fuq kollox il-poplu Malti u Għawdxi li kien magħna u kkopera biex żammejna s-sitwazzjoni taħt kontroll.

Tul is-sena ħdimna kemm flaħna sabiex żammejna l-bilanċ bejn is-saħħa u l-għajxien tal-familji tagħna. Bil-miżuri li ħadna fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika, pajjiżna żamm fost l-inqas rati ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea. Konna ta’ spalla għal eluf ta’ negozji u familji. Il-wage supplement u l-iskema tal-vouchers taw nifs qawwi lill-ħaddiema f’pajjiżna.

Issa aktar minn qatt qabel irridu nħarsu ’l quddiem. L-avvanz f’dak li huwa vaċċin se jagħti nifs kbir lid-dinja, mhuxl-inqas lilna sabiex immorru lura għan-normalita li konna drajna biha.

Hemm bżonn li nitilqu niġru u bil-miżuri li ħadna għandna l-opportunita li nagħmlu dan f’qasir żmien.

Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se nissoktaw bir-riformi li jeħtieġ jagħmel pajjiżna. Din is-sena wettaqna riformi storiċi biex saħħaħna l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u s-Saltna tad-Dritt. Riformi li mhux biss intlaqgħu u ġew imfaħħra mill-istituzzjonijiet Ewropew iżda li tqiesu mudell għal pajjiżi oħrajn.

Il-missjoni ewlenija tal-Gvern immexxi minni tibqa’ dik li nwieżnu lil dawk l-aktar li għandhom bżonn u nippremjaw il-bżulija tal-familji u n-negozji tagħna. Dan se nagħmluh bil-miżuri soċjali li ħabbarna fil-Budget għas-sena d-dieħla fosthom żieda oħra fil-pensjonijiet, titjib fiċ-children’s allowance u l-In-Work Benefits, żieda fir-rata tal-Carer at Home u assistenza akbar għal persuni b’diżabbilta severa.

Bħala parti mill-viżjoni tagħna għal pajjiżna se nkomplu nimmodernizzaw l-infrastruttura ta’ pajjiżna u nibnu infrastruttura industrijali ġdida li se toħloq eluf ta’ impjiegi ġodda u ta’ kwalita’.

Fl-istess waqt se ninvestu bis-saħħa fl-ambjent biex sal-2050 pajjiżna jkun ħieles mill-karbonju. Ma’ dawn se ninvestu f’aktar spazji miftuħa u żoni ta’ rikreazzjoni biex inkomplu ntejbu l-kwalita tal-ħajja tal-familji tagħna.

Se naraw li l-oqsma vitali tas-saħħa u tal-edukazzjoni jibqgħu jkunu ta’ prijorita’.

Fuq kollox se nibqgħu nġibu lil Malta tagħna, l-ewwel u qabel kollox għax persważ li l-Maltin u l-Għawdxin magħquda se jimxu ’l quddiem.

Minn qalbi f’ismi, f’isem marti Lydia u binti Giorgia Mae u f’isem il-Gvern, nawguralkom Milied ħieni u Sena Ġdida mimlija paċi u mħabba.

Posted in Posts - Official Messages.